01. March 2018 - 17:30
Share it on:

Festa San Ġużepp Rabat tal-Imdina 2018 | Arċikonfraternita' ta' San Ġużepp Rabat tal-Imdina | Thursday, 01. March 2018

PROGRAMM
TAĊ-ĊELEBRAZZJONIJIET SOLENNI TAL-FESTA
F’ĠIEĦ IL-KBIR GLORJUŻ PATRIJARKA
SAN ĠUŻEPP
PATRUN TAL-KNISJA UNIVERSALI
Organizzati mill-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp
Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat
Knisja tal-Patrijiet Franġiskani
Santa Marija ta’ Ġesù – Rabat tal-Imdina
1 - 19 ta’ Marzu 2018


Il-Ħamis 1 ta’ Marzu: Konsagrazzjoni tal-artal-mejda

Fis-6.00 p.m. Quddiesa Solenni Konċelebrata, fejn fiha ssir il-Konsagrazzjoni tal-artal mejda tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, mill-E.T. Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.
Fit-8.00 a.m. u fl-12.00 p.m. Ħruq ta’ Murtali u Murtaletti. Fit-tmiem taċ-Ċelebrazzjoni fil-knisja filgħaxija jsir ħruq ta’ Murtali, Kaxxa u Murtaletti.


Il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu: Inawgurazzjoni tar-restawr tal-istatwa ta’ San Ġużepp Inkurunat

Fis-7.30 p.m. fil-Knisja Katidrali ta’ Malta fl-Imdina, inawgurazzjoni tar-restawr tal-istatwa antika u devota ta’ San Ġużepp Inkurunat. Bis-sehem tal-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam u l-Coro Bel Canto.


Is-Sibt 3 ta’ Marzu: Ikla tal-Festa

Fit-8.00 p.m. Ikla b’risq il-Festa ta’ San Ġużepp fis-sala tal-Każin tal-Banda L’Isle Adam f’Palazzo Xara.


Il-Ħadd 4 ta’ Marzu: Ritorn tal-istatwa ta’ San Ġużepp Inkurunat fis-Santwarju

Fid-9.00 a.m. Purċissjoni Solenni bl-istatwa antika u devota ta’ San Ġużepp Inkurunat, mill-Knisja Katidrali ta’ Malta għall-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù. Bis-sehem tal-Fratelli tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, il-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani u l-Banda L’Isle Adam li se takkumpaja l-purċissjoni b’daqq ta’ innijiet lil San Ġużepp. Il-purċissjoni se tgħaddi minn dawn it-toroq: Pjazza tal-Katidral, Triq Villegaginon, Pjazza San Publju, Bieb tal-Imdina, Pjazza Saqqajja, Triq il-Kbira u Triq San Pawl għall-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù.
Matul il-purċissjoni jsir ħruq ta’ murtali u murtaletti u waqt id-dħul tal-istatwa fil-knisja jsir ħruq ta’ kaxxa nfernali.
Fil-11.00 a.m. Fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, Quddiesa Solenni Konċelebrata, immexxija mill-E.T. Mons. Pawl Cremona O.P., Arċisqof Emeritus. Fejn fiha ssir priedka b’tifkira tal-inkurunazzjoni tal-istatwa ta’ San Ġużepp, mir-Rev. Gwardjan Patri Martin Coleiro O.F.M. Fit-tmiem il-Quddiesa jiġi kantat it-Te Deum b’tifkira tal-55 Annversarju tal-Inkurunazzjoni. Jieħu sehem il-Coro Bel Canto taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Herman Farrugia Frantz.


Is-Sibt 10 ta’ Marzu: Ħruġ tal-Istatwa proċessjonali ta’ San Ġużepp fil-Knisja

Fit-8.00 a.m. u fl-12.00 p.m. Ħruq ta’ Murtali u Murtaletti.
Fis-5.45p.m. Ċerimonja tal-inawgurazzjoni tar-restawr tal-istandard proċessjonali tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp.
Fis-6.00 p.m. Quddiesa mmexxija mill-Wisq Rev. Gwardjan Patri Martin Coleiro O.F.M., Direttur Spiritwali tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp. Wara Ċelebrazzjoni Ewkaristika jingħata l-mandat lir-reffiegħa. Jitwassal l-Appell tal-Festa u jsir il-ħrug solenni tal-istatwa ta’ San Ġużepp fil-knisja. Isir ħruq ta’ Salut, Kaxxa u Murtaletti.
Fit-8.00 p.m. Riċeviment għall-Bandisti u l-Membri tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam, fis-Sala tal-Każin, f’Palazzo Xara.


Il-Ħadd 11 ta’ Marzu: Jum il-Komunità Ġużeppina

Fl-10.15 a.m. Quddiem il-Kunvent tal-Patrijiet Agostinjani tiġi mbierka mill-Wisq Rev. Gwardjan Patri Martin Coleiro O.F.M., statwa ġdida ta’ San Ġużepp li se tibda tinġarr waqt il-Koreto tat-tfal. Wara jsir il-Korteo mit-tfal minn quddiem l-istess Kunvent tal-Patrijiet Agostinjani għall-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù. Dan il-korteo jgħaddi mit-toroq: Santu Wistin, Repubblika, Il-Kbira u San Pawl. It-tfal huma mitluba li jġibu magħhom fjuri biex joffruhom lil San Ġużepp u offerta tal-flus biex jagħtuhom lit-tfal inqas ixxurtjati. Waqt il-Korteo jindaqqu innijiet lil San Ġużepp mill-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam kif ukoll isir ħruq ta’ murtali u murtaletti.
Fil-11.00 a.m. Quddiesa bl-omelija għat-tfal, immexxija mir-Rev. Patri Clive Camilleri O.F.M., bis-sehem tal-Kor “Santa Klara”. Wara ssir il-preżentazzjoni tat-trabi lil San Ġużepp. Wara l-Quddiesa ssir attivita’ soċjali għat-tfal fis-sala tal-Każin tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam, f’Palazzo Xara, organizzata mis-Sezzjoni Żgħażagħ tal-istess Għaqda Mużikali.
Fis-6.00 p.m. Quddiesa mmexxija mir-Rev. Patri Marcellino Micallef O.F.M., Vigarju Provinċjali bis-sehem tal-Fergħat kollha fi ħdan il-Komunità Ġużeppina tar-Rabat u dawk kollha li jagħtu s-sehem tagħhom fil-Festa ta’ San Ġużepp.


It-Tnejn 12 ta’ Marzu: Jum l-Għaqdiet Reliġjużi u Soċjali Rabtin

Fid-9.00 a.m. Quddiesa għat tfal tal-Iskola Primarja tal-Kulleġġ San Nikola – Rabat.
Fis-6.00 p.m. Quddiesa mill-Wisq Rev. Kan. Dun Louis Suban, Arċipriet tal-Parroċċa tar-Rabat għall-Għaqdiet Reliġjużi u Soċjali Rabtin.
Fis-7.00 p.m. Riċeviment fil-Każin tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam għal-Għqdiet Reliġjużi u Soċjali Rabtin u kontributuri tal-ktieb: “Leħen il-Komunità Ġużeppina”, kif ukoll għall-Għaqdiet Mużikali li huma mistiedna għall-festa.


It-Tlieta 13 ta’ Marzu: Jum l-Anzjani, l-Addoloxenti u ż-Żgħażagħ

Fid-9.30 a.m. Quddiesa bl-omelija għall-anzjani mmexxija mir-Rev. Patri Stephen Magro O.F.M. Wara tingħata tifkira lill-anzjani.
Fis-6.00 p.m. Quddiesa tal-ħin.
Fis-7.30 p.m. Quddiesa għall-adoloxxenti u ż-żgħażagħ mir-Rev. Patri Ramon Farrugia O.F.M., bis-sehem tal-Kor San Damjan.


L-Erbgħa 14 ta’ Marzu – L-Aħħar Erbgħa ta’ San Ġużepp

Fil-5.30 p.m. Rużarju, Talba u Kurnella ta’ San Ġużepp.
Fis-6.00 p.m. Quddiesa Konċelebrata, immexxija mir-Rev. Mons. Dr. Edgar Vella, bil-priedka mir-Rev. Patri Raymond Calleja ., Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Fgura. Waqt din il-Quddiesa ssir il-Vestizzjoni tal-Fratelli u Konsorelli ġodda fi ħdan l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp. Fit-tmiem il-Quddiesa jsir kant tal-Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.


Il-Ħamis 15 ta’ Marzu: L-Ewwel Jum tat-Tridu

Fit-8.00 a.m. u fl-12.00 p.m. Ħruq ta’ Murtali u Murtaletti.
Fil-5.30 p.m. Għasar Kantat.
Fis-6.00 p.m. Quddiesa Konċelebrata u wara prietka tat-Tridu mill-Wisq Rev. Provinċjal Patri Sandro Vella . Kurunella ta’ San Ġużepp, kant tal-Innu, Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Fit-tmiem taċ-Ċelebrazzjoni fil-knisja jsir ħruq ta’ Murtali, Kaxxa u Murtaletti.
Fit-8.30 p.m. Kunċert tal-Marċi mill-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam fis-sala tal-Każin tal-istess Għaqda Mużikali, f’Palazzo Xara.


Il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu: It-Tieni Jum tat-Tridu

Fit-8.00 a.m. u fl-12.00 p.m. Ħruq ta’ Murtali u Murtaletti.
Fil-5.30 p.m. Għasar Kantat.
Fis-6.00 p.m. Quddiesa Konċelebrata. Prietka tat-Tridu, Kurunella ta’ San Ġużepp, kant tal-Innu, Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Fit-tmiem taċ-Ċelebrazzjoni fil-knisja jsir ħruq ta’ Murtali, Kaxxa u Murtaletti.
Fit-8.15 p.m. Marċ mill-Banda Ċittadina “Sliema” li jibda minn Sqaq Fra Diegu fi Triq San Pawl, Triq Indri Borg, Triq Doni l-Qadima, Triq il-Mitħna, Triq Bir il-Ljun, Triq il-Patrijiet, Triq San Pawl, Triq Doni, Triq Santu Wistin, Pjazza L’Isle Adam, Triq San Ġużepp sa quddiem il-Każin tal-Banda L’Isle Adam.

Is-Sibt 17 ta’ Marzu: L-Aħħar Jum tat-Tridu

Fit-8.00 a.m. u fl-12.00 p.m. Ħruq ta’ Murtali u Murtaletti.
Fil-5.30 p.m. Għasar Kantat.
Fis-6.00 p.m. Quddiesa Konċelebrata, immexxija . Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għall-Malta. Prietka tat-Tridu u wara Kurunella ta’ San Ġużepp, kant tal-Innu u Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Fit-tmiem taċ-Ċelebrazzjoni fil-knisja jsir ħruq ta’ Murtali, Kaxxa u Murtaletti.
Fit-8.30 p.m. Il-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam tagħmel marċ li jibda minn taħt l-Ark fi Triq San Pawl u jgħaddi minn dawn it-toroq: Bir il-Ljun, Doni l-Qadima, Flats, Doni, San Bartilmew, Zondadari, Santu Wistin, Pjazza L’Isle Adam, San Ġużepp u San Pawl fejn jintemm quddiem il-Każin. Fejn isir Logħob tan-Nar minn fuq il-bejt tal-istess Każin.
Fid-9.15 p.m. Ħruq ta’ Murtali, Murtaletti, Blalen, Murtali tal-Kulur u Kaxxa tal-Kulur.


Il-Ħadd 18 ta’ Marzu: Lejlet is-Solennità ta’ San Ġużepp

Fit-8.30 a.m. Quddiesa Konċelebrata bil-kant tat-Te Deum immexxija mill-E.T. Mons. Pawlu Darmanin O.F.M. Cap., Isqof Emeritu ta’ Garissa, Kenja.
Ħruq ta’ Kaxxa, Murtali u Murtaletti.
Fl-10.00 a.m. Marċ mill-Banda L’Isle Adam li jibda minn quddiem il-Monument ta’ San Ġużepp u jgħaddi għal tul Triq San Pawl, Triq il-Kbira, Triq ir-Repubblika, Triq Santu Wistin, Pjazza L’Isle Adam, Triq San Ġużepp sa ħdejn il-Każin tal-Banda L’Isle Adam.
Fl-11.45 p.m. Ħruq ta’ Murtali u Murtaletti.
Fil-5.15 p.m. Quddiesa bl-omelija.
Fis-6.00 p.m. Translazzjoni Solenni tar-Relikwa ta’ San Ġużepp, mis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat li tgħaddi minn Triq San Ġużepp, Pjazza L’Isle Adam, Triq ir-Repubblika, Triq il-Kbira u Triq San Pawl għall-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, immexxija mill-Wisq Rev. Patri Richard S. Grech O.F.M., Ministru Provinċjali bis-sehem tal-Patrijiet Franġiskani u l-Fratelli tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp. Għasar Solenni u Ċelebrazzjoni Ewkaristika mmexxija mill-istess Ministru Provinċjal.
Waqt it-Translazzjoni jsir ħruq ta’ Salut, Kaxxa Infernali u Murtaletti.
Fit-7.45 p.m. Quddiesa bl-omelija.
Fit-8.00 p.m. Il-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam tagħmel Marċ minn ħdejn il-Knisja fi Triq San Ġużepp u tkompli għall-Pjazza L’Isle Adam, Triq Santu Wistin, Triq ir-Repubblika, Triq il-Kbira u Triq San Pawl sa quddiem il-Każin.
Fit-8.00 p.m. Il-Banda Nazzjonali La Valette tesegwixxi Programm Mużikali fuq il-planċier quddiem il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù. Wara tingħaqad quddiem il-Banda L’Isle Adam fejn tkompli l-marċ fit-Triq il-Kbira u tul Triq San Pawl fejn ittemm il-marċ tagħha fil-11.30 p.m., fil-Wesgħa tal-Mużew, quddiem il-Monument ta’ San Ġużepp.
Fid-9.15 p.m. Ħruq tal-Logħob tan-Nar tal-Ajru, fejn isir ħruq ta’ Sfejjer, Blalen, Beraq Pront u Murtali tal-Kulur.
Fil-11.30 p.m. Ħruq ta’ Kaxxa Infernali tal-Kulur u wara jsir il-Logħob tan-Nar tal-Art fil-Wesgħa tal-Mużew ħdejn id-Domus Rumana.

It-Tnejn 19 ta’ Marzu: Jum is-Solennità ta’ San Ġużepp

Fis-7.00 a.m. Quddiesa Konċelebrata mmexxija mill-Wisq Rev. Patri Richard S. Grech O.F.M., Ministru Provinċjali flimkien mal-Patrijiet Franġiskani, fejn fiha jingħad it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum.
Fit-8.00 a.m. Quddiesa bl-omelija fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat.
Fid-8.45 a.m. Jasal proċessjonalment fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù’ mill-Knisja Katidrali ta’ Malta fl-Imdina, il-Wisq Rev. Kapitlu Metropolitan, fejn lilu tigi mogħtija merħba b’daqq ta’ Marci mill-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam ħdejn il-Każin tagħha. Kif ukoll isir ħruq ta’ Murtali, Kaxxa u Murtaletti matul il-korteo proċessjonali.
Fid-9.00 a.m. Quddiesa Pontifikali Solenni mmexxija mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta flimkien mal-Wisq Rev. Kapitlu Metropolitan. Fiha jsir il- paneġierku mir-Rev. Dun Brendan Mark Gatt.
Fil-bidu tal-Quddiesa ssir ukoll il-preżentazzjoni tax-xemgħa simbolika lil San Ġużepp mis-Sindki tar-Rabat, tal-Imdina, tal-Imtarfa kif ukoll tar-Reġjun.
Wara f’Palazzo Xara, isir riċeviment għal persuni distinti u benefatturi tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp u tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam fis-swali tal-Każin ta’ l-istess Għaqda Mużikali.
Fid-9.00 a.m. u fl-10.00 a.m. Quddiesa Letta fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat.
Waqt is-Sanctus tal-Quddiesa Pontifikali u f’nofs in-nhar isir ħruq ta’ Murtali u Murtaletti.
Fis-1.00 p.m. Marċ tradizzjonali u popolari mill-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam, li jibda minn taħt l-Ark Trijonfali fi Triq San Pawl u jgħaddi minn dawn it-toroq: Il-Patrijiet, Bir il-Ljun, San Martin, Indri Borg, San Pawl, Wesgħa tal-Mużew, Doni,
San Bartilmew, Zondadari, Santu Wistin, Pjazza L’Isle Adam, San Guzepp, fejn il-Marc jigi fit-tmiem tiegħu quddiem il-Każin fost il-ferħ u l-kant tal-Innijiet Ġużeppini.
Fil-5.15 p.m. Quddiesa bl-omelija mir-Rev. Patri Alister M. Aquilina O.F.M. Conv.
Fis-6.00 p.m. Għasar Solenni, immexxi mill-Wisq Rev. Patri Richard S. Grech O.F.M., Ministru Provinċjali.
Fis-6.00 p.m. Il-Banda Ċittadina King’s Own tal-Belt Valletta, tagħmel Marċ minn ħdejn il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fi Triq San Ġużepp li jgħaddi mit-toroq: Pjazza L’Isle Adam, Santu Wistin, Repubblika, Il-Kbira, San Pawl sa ħdejn il-planċier. Wara tilqa’ bid-daqq tal-Innu Popolari, l-istatwa ta’ San Ġużepp fil-ħrug u fid-dħul tagħha fil-Knisja. Matul id-dawra tal-purċissjoni, l-istess Banda tesegwixxi Programm Mużikali fuq il-planċier ħdejn il-Knisja.
Fis-6.30 p.m. Il-Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ tagħmel Marċ minn quddiem il-Monument ta’ San Ġużepp, li jgħaddi mit-toroq: San Pawl u San Ġużepp sa Pjazza L’Isle Adam, fejn tilqa’ l-istatwa ta’ San Ġużepp bid-daqq tal-Innu Popolari u tkompli takkumpanja wara l-istess statwa b’daqq ta’ Innijiet lil San Ġużepp matul id-dawra tal-purċissjoni sat-triq tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù.
Fis-7.00 p.m. Purċissjoni Solenni bl-istatwa ta’ San Ġużepp, immexxija mill-istess Wisq Rev. Patri Provinċjal, bis-sehem tal-Patrijiet Franġiskani u l-Fratelli tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp.
Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni jsir ħruq ta’ Salut u Kaxxa Infernali. Filwaqt li matul il-purċissjoni jsir ħruq ta’ diversi Murtaletti u Murtali tal-kulur. X’ħin l-istatwa tasal taħt l-Ark Trijonfali tigi maħruqa Kaxxa Infernali tal-Kulur. Fid-dħul tal-istatwa fil-Knisja, isir ħruq tal-Logħob tan-Nar minn fuq il-bejt tal-Każin tal-Banda L’Isle Adam.
Fl-10.00 p.m. Dħul tal-istatwa ta’ San Ġużepp fil-Knisja. Fejn jitkantaw l-Innu Popolari u l-Antifona u ssir Ċelebrazzjoni Ewkaristika.



***




* Inħeġġu lil kulħadd biex dak in-nhar tal-Festa filgħaxija, waqt li l-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġużepp tasal quddiem il-knisja tal-Patrijiet Agostinjani, ninġabru ħdejn l-istess knisja biex flimkien ngħidu t-Talba lil San Ġużepp u nitolbu l-Barka tiegħu waqt li x-xbieha għażiża tiegħu tkun għadejja proċessjonalment mit-toroq tagħna.

* Lejlet u Nhar il-Festa, il-Mużika ta’ Mro Carlo Diacono, tkun taħt id-direzzjoni Mro Ray Sciberras. Fil-jiem l-oħra tal-Festa, il-Mużika tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Galea, Surmast Direttur tal-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam. F’dawn il-jiem jieħdu sehem elementi mużikali tal-istess Banda flimkien mal-Kor ‘St. Francis of Assisi” tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù.

* In-Nar tal-Ajru li se jigi maħruq matul il-jiem tal-Festa, ġie maħdum mill-Ġużeppini Rabtin tal-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu, fil-Fabbrika ta’ l-istess Għaqda.